Categories
Festschrift 2012

antoine cassar – triq il-maqluba

And here’s the quiet, calm enigmatic wordsmith of mosaics and passports. Antoine Cassar was a mysterious conundrum of linguistic curiosity wrapped up in a zen like attitude of constant reflection and awe. I will never forget the first ever contemporaneous blogging event that took place spontaneously at the airport. Xifer, Maqluba and J’accuse kicked off. Ten minutes later J’accuse was up. Fifteen Xifer was ready. Half an hour later Maqluba began his spellcheck. It all happens slowly in the world of il-Maqluba (ex-Qrendi now Luxembourg). But it happens nicely and the description can be bewitching. Here goes. 

Kos, seba’ snin diġà? Jew seba’ snin biss? Inħosshom ħafna u nħosshom ftit. ‘L hawn jew ‘l hemm, nifraħ ħafna lil seħibna Jacques u nneħħilu l-kappell li m’għandix. Is-7 numru sabiħ. Kważi kważi daqs l-iktar numru għal qalbi, it-8. Timbuttah bil-ħlewwa, jitlef il-bilanċ, u jsirlek l-infinit.

 Tant ġrat xorti tul l-aħħar seba’ snin li qed narahom proprju bħala infinità; jew biex inkunu iktar preċiżi, infinità li għaddiet bi żbrixx. Seba’ snin ilu bħal-lum u bħal dal-ħin, hemm ċans kbir li kont ġo kmajra mdawla l-Qrendi, iċċassat lejn l-iskrin ta’ laptop ormaj goff qisu xi ċanguna, nistudja jew nikteb. Tlettax-il sena wara li tvenvina żbuxxlata tax-Xlokk kienet bagħtitni nixxejjer bejn Londra u Madrid, kont inżilt lura l-Blata bl-iskop, imwaħħar iżda mhux wisq, li nitkisser fil-Malti u għal darba nitgħallmu sew. L-ewwel għalliema tiegħi kienet il-kuġina Francesca, li dak iż-żmien kellha tnax-il sena, u llum, oħroġ il-għaġeb, prima ballerina u ballerina mill-iprem, diġà bdiet iddur l-Ewropa, tiżfen fuq ponot subgħajha mill-ġenn ta’ Marsilja u Istanbul għall-wesgħat tat-Toscana. Inħobbok Frans!

 Jekk seba’ snin ilu bħal-lum u bħal dal-ħin ma kontx qed intektek fil-kmajra, wisq probabbli kont fil-kċina npaċpaċ man-nanniet. Kienu huma l-iktar li għallmuni. Kuljum xi storja, kuljum xi tifkira, kuljum xi taqbila, jew anki xi xogħfa mistħoqqa minħabba xi guffaġni minn tiegħi. Illum siefru t-tnejn li huma; in-nannu, li kien jibża’ mill-ajruplani u qatt ma tħajjar jitla’ fuq bastiment lejn l-Awstralja, għall-ewwel darba. Dejjem kien irid jifhem iktar id-dinja, u l-mistoqsijiet tiegħu ta’ ġeografija kienu jkunu bl-ikbar kurżità. Idejh tant kienu kbar li stajt tifrex fuqhom mappamundi sħiħa. Min jaf x’veduta għandu tal-globu issa, minn hemm fuq…

Qed ngħid “hemm fuq”, u qed niftakar f’waħda mill-ħsibijiet li kont ħarbixt f’xi bloggata bikrija ta’ Triq il-Maqluba. Mhux li nemmen fl-infern u fil-ġenna. Jekk hemm infern, x’aktarx ikun is-sentiment ta’ ħtija, ta’ dispjaċir, ta’ żmien moħli f’dawk l-aħħar waqtiet qabel nintfew. U viċiversa, il-ġenna tkun is-sentiment ta’ sodisfazzjon, ta’ ċirku tond, ta’ kuxjenza mhux biss nadifa iżda wkoll hienja. Dakinhar li mort insellem lin-nannu fil-mortwarju, avolja idejh kienu inġazzati, wiċċu kien tbissima minn widna għal widna.

 Wara l-kuġina u n-nanniet, fil-bloggosfera Maltija sibt għalliema oħra. Kont skoprejtha b’ċikka permezz ta’ artiklu fil-Wikipedija Maltija (jekk niftakar sew, id-definizzjoni tal-kelma blogg, diġà bil-g doppja, attribwita lil ċertu Mark Vella ta’ Xifer). U f’daqqa waħda l-mikrokożmu ta’ Malta – in-nomadu ta’ ġo fija kien diġà beda jsus wara l-eremit – infetaħli beraħ. Ftaħt il-blogg tal-Maqluba u dlonk sibt ruħi, għall-ewwel darba fi żmien twil wisq, parti minn komunità Maltija. U tal-Kinnie generation, anki jekk kont ġej minn sfond differenti. Dak iż-żmien kont għadni nteftef fil-mużajki, esperiment li rnexxa u mbagħad b’xorti tajba falla, u kelli daqsxejn ta’ battibekk letterarju ma’ Ereżija tal-Kriżi… u kif tegħlibha. Tiftakarha, Alex? “Ave, Ġakbu Joyce!” Ħeħe. Ma domniex ma sirna ħbieb tal-qalb. Aktar tard tfaċċa l-ħabib tal-qalb l-ieħor, Kevin ta’ Ħġejjeġ. Bis-saħħa tiegħu, u iktar mill-bogħod, bis-saħħa tat-Tgedwid ta’ Immanuel, bdejt insir midħla wkoll tal-letteratura kontemporanja lokali. U tal-ħafna diskorsi alternattivi li kienu jsiru fuq il-politika u s-soċjali, fuq il-kultura u l-lingwa, fuq l-eliti liberali u krepuskolari. U fuq ċerta nostalġija għall-80s, l-iktar it-tieni nofs tad-deċennju, iż-żmien li fih kont niġġerra fit-toroq tal-Qrendi. Mhux kollox kont insejt, minkejja l-aċċent imxajtan li kaxkart minn barra. Fil-bloggosfera kelli mnejn nikkonsla.

 Il-bloggej (jew bloggista? Tiftakru l-Imweġja , l-istudju lingwistiku li konna għamilna fuq il-bloggs jew bloggijiet jew blogog, tant konna daħħalna rasna fil-garigori ta’ sormna?) … Kont qed ngħid, il-bloggej l-iktar dixxiplinat u l-iktar spontanju kien Jacques, jimbotta u jxewwex ta’ kuljum, iżommna fuq saqajna, jiġifieri mwaħħlin bilqiegħda nikklikkjaw u nittajpjaw. U minn Jacques għadni nitgħallem ftit ftit sal-lum, jien u nsegwi mill-bogħod. Ma nistagħġeb xejn bil-fatt li għadu jakkuża. Ad altiora, kif kitibli darba fuq il-blogg tal-Maqluba. Daqs sena oħra, nixtieq inkun hemm biex nimbuttaw it-8 flimkien, ħa nisimgħuh jinstabat bil-ħlewwa mal-art.

U bi tbissima, ghax b’hekk, dawk il-waqtiet tal-ahhar ta’ qabel nintfew ma jaslu qatt.

Facebook Comments Box