Categories
Politics

Din għalikom, li mingħalikom…

ghalikom_akkuza

Is-sena intemmet bit-tajjeb. Intfejna xi ftit mid-dinja tal-opinjoni u intfajna xi ftit fuq ir-riflessjoni. Nifs ‘il ġewwa qabel ma terġa’ tibda tonfoħ. Kelli ċans nisma’ u ntaffi ftit mill-fatt li, issa li qed noqrob l-għaxar snin ‘il bogħod mill-gżejjer, il-politika insegwiha tabilħaqq bl-aloofness sanitarizzat. Titfa’ widnejk ma’ l-art bħal xi indjan fil-films tal-kajbojs (mhux Johnny) u tgħarrex x’inhu jiġri. What’s Up? Bħall-messaġġ li jippruvaw jobżqu s-Sempliċiment tat-Triq fid-demo Qumu minn hemm li għal waqtiet jaf ikun lirikament brillanti – partikolarment fl-akkuża bla limiti tagħhom lejn l-abbużi tal-liberta’ tal-espressjoni u r-rabja tagħġom lejn is-sistema.

Sempliċiment jirrimaw u jobżqu r-rabja tagħhom filwaqt li fl-istess nifs ma jiddejqux jenfasizaw li din hija perspettiva differenti u jiġu ABŻ li int taħsibha differenti (għax x’iktarx li int ukoll sirt pupazz tas-sistema). Tajjeb li tisma x’inhu jingħad fit-triq il-bogħod mill-kuriduri tal-poter infestati bil-virusijiet ta’ inċest u tħabbil-il moħħ. Iva tajjeb, mhux neċessarjament tkun qed tara “the full picture” pero tkun qed tosserva tila importanti. Biżżejjed tiftakar li l-moviment anti-politiku popolari ma huwiex mistur f’xi pinna ta’ xi Alunnu ta’ l-iSkola ta’ Brussell immaġinata jew f’xi rapport miżgħud bias ta’ xi blogger irrabjat iżda jimmanifesta ruħu fit-triq.

Jimmanifesta ruħu mingħajr komplikazzjonijiet ta’ prinċipji fil-fatt, għax minkejja li r-raġel tat-triq isemma’ leħnu fuq kull tema (minn adozzjoni sa’ bini illegali sa’ tixħim fix-xiri taż-żejt) issib li meta jiġi biex jagħżel min se jmexxi pajjiżu dawn it-temi jintilfu f’ġigġifogu infernali ta’ ħsibijiet u lealtaijiet. Malta sħiħa raħal b’żewġ każini imnejka. Hemm min hu ‘imweġġa’ mill-komportament tal-każin tiegħu. Wisq drabi din il-‘weġgħa’ ma hix għajr rabja personali għax b’xi mod ma ħax dak li deherlu li jistħoqqlu.

Iwa, jiddispjaċini ninnota illi titkellem ma’ min titkellem u titħaddet kemm titħaddet dik hija r-realta’ qarsa. Il-bogħod mit-tmasħin fuq facebook, ‘il bogħod mil-praspar tal-bloggijiet popolari u ‘il bogħod mill-aħbarijiet telekomandati tal-midja imniġġsa hemm verita’ wisq iktar bażika. Il-vutant Malti ma jistax jinfatam miż-żejża tal-partiti megalomani li ma’ kuljum li jgħaddi jivvintaw kantilena oħra li magħha jkun jista’ jiżfen. Għad irid jiskopri lill-Orwell filwaqt li jgħix ħajja Orwelljana ta’ kuljum.

Tismagħhom lill-vutanti tat-triq janalizzaw b’reqqa l-għeltijiet tat-tmexxija bipartitika u jgħarrfu sew fejn sejrin ħażin u għaliex. Analiżi intelliġenti jekk trid għax mhux ċuċ il-Malti ta’… le, jaf li fl-aħħar mill-aħħar il-wiegħdiet huma dawk li huma. “L-aħħar elezzjoni soqt sal-polling station u ħlift, ħaqq ismi, li ma nivvutalhomx”. Hekk jgħidlek. Imbagħad jgħidlek li għax “weġgħa”. Dik il-kelma li hija biss il-flipside ta’ sistema mibnija bil-brikks tal-favuri, biċ-ċejċa u bit-taparsi meritokrazija illi wara kollox tissarraf biss f'”dawk li aħna naħsbu li ħaqqhom jieħdu xi post fuq bord”.

U l-partiti konxji ta’ dan ir-raġunar bażwi tal-votant ta’ triq lesti jaċċettaw din ir-realta qarsa u jaġevolawha. Imbagħad kulltant biex jitnejku bih jgħidulu “Ara, issa għal President nagħżlu lil xi ħadd li huwa barra mill-politika”. Għax bħal dak li qallu il-kandidati esperti tagħhom huma kollha politikanti (fis-sens minsi tal-kelma). Psewdo ekonomisti, psewdo filosfi u psewdo moralisti soċjali jittelqu għal min se jirnexxilu jirkeb l-ikter fuq id-dwejjaq tal-votant tat-triq.

Il-ħsieb u r-riflessjoni ser ikomplu waqt li nieħdu iswed b’wieħed zokkor. Ceci n’est pas un blog politique. U ifhmuni. Jekk ma tridx tifhem allura dak għax int differenti u għalhekk niġi naqa u nqum minn x’taħseb int. Wisqqqq.

Din għalikom
li mingħalikom
li intom ikbar minn ilsien pajjiżkom

Facebook Comments Box