B’xorti tajba

2013-12-20 22.45.57

Lura Malta ghall-btajjel tal-Milied. Sabiħa s-sħana li tilqgħek bi nar u ġġiegħlek taħseb li l-bagalja ħwejjeġ sħan qajla se jintemssu. Inqas sabiħ il-bard ġewwa d-djar li qisu ħadd ma sab tarfha. Dan l-aħħar kull meta niġbor il-karozza tal-kiri u nsuq lejn Paceville inħossni qiegħed fil-film Johnny Stecchino ta’ Benigni u l-frażi dwar kif it-traffiku saret s-saħta kbira tal-pajjiż tibda thewden ġo moħħi.

Kullħadd mgħaġġel. Ftakart fil-program dwar crowd management li smajt dan l-aħħar fuq Radio 4 u dwar kif il-folla ma taħsibx b’moħħ prevedibbli. Li hemm żgur hu li it-traffiku malti għandu numru ta’ regoli innati li jikxfu egoiżmu sfrenat li jiżboq kull sens ta’ kollaborazzjoni sabiex jittaffew il-problemi. Maqbud ġo impromptu traffic jam ġewwa t-trejqiet ta’ madwar Sacred Heart (għax triq reġjonali kellha tiżvojta minħabba l-enneżimu inċident) r-radju weħel fuq il-ONE. L-aħbarijiet.

Tisma ftit dwar l-problemi tal-ittogati li kellhom party ġewwa l-awli sublimi tal-qorti (żibeeeel – kif jgħidu Sempliċiment tat-Triq fl-album “Qum Minn Hemm” li xtrajt mingħand il-Ġugar). Issa apparti li huwa ovvju li l-arrest arbitrarju illi seħħ huwa parti mit-tapizzerija unika u assurda tal-politika istituzzjonali maltija, u apparti li l-indinjazzjoni popolari setgħet tinħass kull fejn tisma jew taqra dwar l-eventi odjerni. Apparti dan kollu. Laqatni l-użu tas-sentiment popolari mis-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici – qallu “the people ARE significant”. Xejn ħażin ta’ imma r-retorika tal-poplu li tfakkar f’sommossi u rivoluzzjonijet ma tkunx neċessarja jekk l-istituzzjonijiet jitħaddmu sewwa. Impeachment, Owen, u ħallikom mid-diskorsi dwar x’taħseb il-ġamaħirija.

L-istess Chris Cardona. Mar dar dawra il-ħwienet tal-Belt. Imnalla m’għadekx trid tħallas biex tidħol fil-kapitali wara s-sagħtejn għax issa tal-ħwienet tad-deheb u tat-Tommy Hillfiger jistgħu idawru sold li kien ħarab lejn tas-Sliema sal-Milied ta’ qabel. Cardona qisu ġa għamel survey xjentifiku għax ġa qatagħha li l-kummerċ żdied. Il-Milied it-tajjeb u n-nefqa għaqlija lil kullħadd.

Iżda tal-ONE żammew l-aħjar għall-aħħar. Kellhom servizz dwar it-traġedja li seħħet fit-Tijatru Apollo ta’ Londra. Indarbu 79 ruħ qalulna, 9 minnhom gravi. Issemmew xi anedotti dwar kif xi nies preżenti stħajlu lilhom infushom ġewwa minjiera tant kien hemm trab. Il-qarrejja qalhet li waqa’ “soffett” (sic) u imbagħad ħarġitilna l-coup de grace: “B’xorti tajba ma weġgħux Maltin”. Tiskanta. Kienet tgħaddi din il-frażi, qisha m’hi xejn. Imma filfatt hija riflessjoni ta’ kif jaħsbu bosta nies.

Fejn taf sinjorina qarrejja tal-aħbarijiet tas-Super One? Forsi mhux ix-xorti li żammithom il-bogħod mit-tijatru drammatiku lok ta’ drama. Forsi il-Maltin li qiegħdin għall-btajjel Londra kienu bieżlin ġo Oxford Street u Primark jimlew il-basktijiet tax-xiri u jistgħanaw f’orġja kummerċjali minn dawk li tant tfantas biha l-Onorevoli Cardona. Mhux għalihom il-ħin moħli jaraw ir-reċta dwar “The curious incident of a dog in the night”. L-għażla wisq probabbli tmur fil-kjuijiet quddiem kaxxieri tal-ħwienet tal-High Street Londoniża, jimbuttaw, jixxalaw u fuq kollox jixtru. Is-sentiment popolari hemm qiegħed, taf int. Il-kejl tagħhom, il-kejl tagħna lkoll.

U b’xorti tajba ma jweġġa’ ħadd.

2013-12-21 00.27.39
Paceville. It-triq tan-nies.

 

WARNING: You might find the content of the following video offensive. I’m afraid it might be terminal and it could be too late for a cure. Press play at your own risk.

Facebook Comments Box


Posted

in

by

Comments

One response to “B’xorti tajba”

  1. Johanna MacRae Avatar
    Johanna MacRae

    Beautifully observed. Island mentality at its best, or worst.

    I wonder if there’s an inversely proportional relationship between “island size” and “extent of island mentality”?

    Maybe someone should conduct some research into this. And then possibly find a cure?