Categories
Arts

Il-partiġjan

Hemm hu l-emblema tal-vojt. L-epitomija tan-non-sens. Il-partiġjan tipiku. Hip, hip, ħu go fik!

Hemm hu. Magna orwelljana ta’ non sequitur u ċapċip fieragħ, mass meeting solo ta slogans irrilevanti, baħar ta’ bnadar bħanan go moħħu jixxejru ghal logħba li lanqas midalja ma tagħtih.

Hemm hu. Ħsiebu bħal għama jdamdam bil-goff mal-parapetti u l-wesgħat ta’ din l-art ħelwa bil-vujtaġni tar-riflessjonijiet tiegħu “politiċi” jvenvnu vagament mal-kuriduri wesgħin tal-antikamera ta’ moħħu.

Hemm hu. Jispara kwalunkwiżmi inkoerenti mdellka b’kazzati immani bir-ritmu ossessiv u ossessjonat ta’ min għalih ir-rebħa fuq l-ieħor biss tgħodd u “xalazobbi mir-raġuni” għax it-tkaxkira hija ir-raġuni u x’jitnejjek jekk wara kollox r-raġuni ħadet l-ikbar tkaxkira.

Hemm hu. Jadula, jadura u jilgħaq qiegħ is-saqajn tal-mexxejja u rgħajja illi skontu se jindukraw merħlithom għall ikbar glorja, jimmasturba mentalment u jittama li jmiss talanqas il-vixxri interni tal-allat ta’ partitu u jdellikhom ma wiċċu għax ma jistħoqqlux li jidħlu taħt is-saqaf tiegħu iżda jlissnu biss kelma waħda u jaħlef li jiblagħha sa’ l-għoqda.

Hemm hu. Sikofanti psikotiku serf tal-bidla mwiegħda li se tkun tiegħu ukoll, lest li jissielet fuq quddiem għal ġieħ pajjiżu indipendenti, repubblikan u ħieles, lest li jarma barrikadi u jkun fuq nett fit-taqbida mal-għadu jilgħeġ bir-rgħawa f’ħalqu kontra kull tip ta’ korruzzjoni u klikkek (basta ma jkunux il-korruzzjoni u klikkek tagħna għax f’dak il-każ ma jgħoddx.. wara kollox biddilna).

Hemm hu. Jiddistingwi bejn “tajjeb” u “ħażin” bil-kejl tat-tfal fil-playground, bil-metru tas-sapporter ġewwa ta’ Qali (min hu Missierkom?), bil-użin tal-irrabbjat ikkonsmat bil-kilba għat-tpattija u biż-żerriegħa tad-diżilluż u tal-oppress u batut li xebgħu jgħidulu li missha inktibet ukoll fuq il-karta ta’ identita jew tnaqqxet bl-inka ittatwata qrib qalbu.

Hemm hu. Eternament insodisfatt. Eternament espert. Eternament ifittex dik il-Valhalla tal-carcade, dak l-Eliżju tal-mass meeting, dak l-estasi ta’ folla/merħla li għal mument titwaħħad bi ħsieb uniku ta’ “rebħa fuq l-għadu” anki fejn għadu mhux suppost hemm għax “tagħna lkoll”.

Hemm hu. Għal dak il-mument jitwaħħad mal-bqija u jemmen (għax irid jemmen) li din is-saga tiegħu ukoll u li dak li se jinkiseb se jinkiseb għalih u għal uliedu u għal ulied uliedu… din ir-rebħa tagħhom ukoll.

Imbagħad wara li jkun twaħħad bid-dagħdiha tal-gost, bil-ferħ tar-rebħa, bl-estasi tat-tkaxkira li tassolvi kull inkoerenza u taħfer kull għoxxata li tkun intqalet…

Imbagħad wara li l-ħoss tal-aħħar carcade ikun intefa’ u wara li tagħna lkoll ikun sar il-gvern, u l-bidla tibda (?)…

Imbagħad forsi fis-solitudni ta’ kamartu fejn ma hemmx bżonn iktar jilbes il-maskla tal-fanatiku diżilluż u ma hemmx bżonn jiggranfa fil-vojt biex jiġġustifika fidi fiergħa…

Imbagħad forsi… waħdu jistaqsi bejnu u bejn ruħu… Għaliex?

Sal-mass meeting li jmiss.

Facebook Comments Box

One reply on “Il-partiġjan”

Comments are closed.