Categories
Mediawatch Politics

Albanian Rising (Ħadd ieħor)

Dalgħodu qajmuni kmieni il-qtates. Ġew altament jaqaw iqumu mill-fatt illi kelli dritt statutorju nibqa’ rieqed u ngawdi s-siegħa żejda li akkwistajna u ippretendew unanimament illi inqum nitmagħhom bħallikieku il-Ħadd qatt ma eżista u s-siegħa invernali qatt ma tradditilna. Qomt. Tmajthom. Naddaft warajhom kif suppost u wara li aċċertajt ruħi li marti ġewwa Albjuni qiegħdha tħejji għal nofs maratona ta’ dalgħodu u wara li awgurajtilha l-ġirja l-ħienja sajjart iz-zalza “bolognese” bil-lest sabiex f’nofsinhar nintefa għall-att adulteru użwali tal-weekend, ingawdi dak id-disgħin minuta mal-maħbuba quddiem platt pasta twajjeb. Xiħa il-maħbuba imma tgħidx kemm għada ittini pjaċir (Vincere!).

Issa li kollox lest intfajt quddiem il-fuklar modern u bħas-soltu intlaqt kif kien jintefa l-(ex) Kummissarju Dalli …  jiġifieri “in listening mode” u t-telecommando waqa’ fuq France 24 (en francais). Inzertajt dokumentarju dwar l-Albanija. Donnhom waslu. Lejn Diċembru ta’ din is-sena jibdew bis-serjeta’ in-negozjati sabiex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Donnhom kuntenti. Sitta u tmenin fil-mija tal-popolazzjoni tal-pajjiż ex-Komunista, orfni mhux mifhum ta’ Unjoni li qatt ma sabet ħin għalih, taqbel mas-sħubija.

Li laqatni kienu s-servizzi fid-dokumentarju. Il-pajjiż kien u għadu mifni bil-korruzzjoni u għadu mdardar bl-attivita ta’ l-iprem kriminali bejn il-Balkani u l-iStivale. Diffiċli timmoderniżża meta pajjiżek sar il-kindergarten tal-mafia, indrangheta u kull tip ta’ assoċjazzjoni a delinquere li tista timmaġina. Mindu ħeles mill-mant psewdo-komunista ta’ Hoxa l-poplu Albaniż temtem mhux ftit fil-passi tiegħu lejn id-demokrazija liberali. Ftit minna forsi jiftakru l-ewwel dgħajjes ta’ immigrati li rajna ġejjin lejn xtutna fil-bidu tad-disgħijnijiet. Dak iż-żmien kienu jkun l-Albaniżi jfittxu ħajja ġdida – u allajbierek ma kien ikollna dawk ir-reazzjonijiet moqżieża li saru komuni illum. Niftakar il-ġiżwiti telgġin u neżlin l-Albania u l-operazzjoi SOS Albania – solidarjeta ma’ pajjiż fi bżonn. Ta’ nies fi bżonn.

L-Albania ta’ llum għandha fanatiżmu politiku li jqarreb ma ta’ pajjiżna. Kollox jiġi politiċizzat. Ħalliha li l-partiti kollha (GĦALENIJA) jaqblu ma l-isħubija (m’hawnx ċwieċ hawn) imma kull kwistjoni taqsam il-pajjiż fi tnejn. Waħda mill-ikbar problemi li rajt kienet dik tal-miżbla. F’dawn l-aħħar snin il-gvern kellu idea ġenjali li jimporta ż-żibel ta’ ħaddieħor… pajjiżi membri iddisprati li jżommu ma kriterji stretti li lilna ħelsuna mill-Magħtab sabu mezz kif jesportaw ħmieġhom lil ħaddiehor. L-Italja u l-Greċja huma ħatja ta’ dan id-dumping. L-ironija hi li issa l-Albanija trid tfittex tara x’tagħmel bl-istess żibel biex hi stess tibda issegwi l-istess normi.

Sadattant qed isiru proġetti kbar bħal highways kbar bejn Pristina u Tirana – mibnija minn grupp Turk/Amerikan b’fondi ewropej. Jekk id-diplomazija tippermetti se jaslu sa Belgrad u jibdew joħolqu pontijiet fejn sekli ta’ gwerrer ma kienx irnexxilhom.

L-Albania ta’ Iskander Beg li kienet barriet lit-Torok u kienet għalhekk bastjun tal-insara trid issa tidħol fil-klabb ewropew. Trid tlaħħaq ma’ pajiżi bħal Malta li sa għoxrin sena ilu kienu jilqgħu lill-orfni tagħha. Enver Hoxha u l-ombra tiegħu bilmod ilmod qed jisparixxu. Hoxha ħallha pajjiż għarkubbtejh u b’ mentalita iżolata. L-ewwel pass biex joħorġu minn taħt dellu huma l-isforzi li qed isiru għas-sħubija. La jissieħbu ikunu jridu jżommu il-pass u jiftakru li l-isħubija hija biss l-ewwel pass u mhux il-meta.

L-istorja tgħallimna.

Facebook Comments Box

One reply on “Albanian Rising (Ħadd ieħor)”

Stil ta’ kitba eccellenti, perfett ghal ghodwa ta’ nhar ta’ Hadd! (Il-kontenut ma jintremiex lanqas ;) )

Comments are closed.