Categories
Politics

Rush coming up

Jiġu mumenti fejn nipprova nimmaġina meta’ kien il-mument li waqafna nimxu u bdejna niġru. Niġru fis-sens li ma niefqux biex naħsbu u li inħallu il-mezzi ta’ komunikazzjoni jaħsbu minflokna. Filli konna hemm nifirħu bl-emanċipazzjoni tal-individwu u li issa kellu il-poter f’idejħ u filli kull ħajt virtwali u kull forum possibbli qed jintela’ bil-vomtu kwotidjan mingħajr ħafna ħsieb.

Fausto sejjħilhom graffitti. Sewwa qal. Anki jekk f’idejn esperti anki il-graffitti jafu jġiegħluk taħseb. Imma illum mhux graffiti biss għandna. Għandna il-kummenti, il-kontrokummenti, l-osservazzjonijiet mundani u personali. Għandna is-search engine u l-wikipedia. Għandna l-aħbarijiet “on tap” u l-“opinion polls” instantanji. U fil-baħar ta’ “data” l-individwu emanċipat safa dik il-gżira li John Donne qalilna li ħadd ma hu.

**

Iħħakkjaw il-kont elettroniku ta’ Bashar Al-Assad dittatur ġewwa s-Sirja. Skoprew li waqt li mijiet ta’ Sirjani kienu taħt attakk ġewwa Homs, id-dittatur u martu kienu qed jordnaw il-linef u d-DVD ta’ Harry Potter minn fuq x-xibka ta’ l-eteru. Jaħasra kemm miet kmieni Salvador Dali. Kienet tkun xena surrealissima li seta jiġbed ma Picasso. Biss biss Pablo kien ikollu jkabbar it-tila ta’ Guernica biex ma jpinġix biss il-bombi neżlin imma anki l-vann tad-DHL jew UPS qed iwassal il-linef fid-dar tad-dittatur.

U ta’ Harry Potter mhux tajba jew? Kemm hi belha din Asma (hekk jisimha martu l-Ingliża) kos. Tordnalek il-kopja legali tal-film ma jmurx tikser il-liġi u tidħol fuq xi Pirate Bay tniżżel it-torrent. Fejn taf, jekk jispiċċaw quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali ikollhom akkuża inqas għal xiex iwieġbu il-koppja Al-Assad. Massakru ċivili – IVA, korruzzjoni u tkasbir tad-drittijiet – IVA, download illegali – LE ta… dak ordnajtu fuq PLAY.COM onorevoli… delivery b’xejn kieku kont fl-Ewropa.

**

Irrekordjaw lil Julian Galea. Irrekordjaw lil Joanna Gonzi. Joanna ma ħarġitx għall-elezzjoni. Julian ma setgħax jirtira l-kandidatura. Ivvutawlu xorta. Imbagħad irriżenja. Għax ħass li aħjar. Ivvutawlu xorta. Dik l-iktar biċċa affaxxinanti. Kellhom kollox għad-disposizzjoni tagħhom. Il-massa tal-medja wasslitilhom kull bit u byte tar-recording. Ivvutawlu xorta.

Ħal-Qormi għandhom sindku ġdida. Naqra naive. Imsieħba f’sit ta’ “hostesses” taljani. Hostesses kienet saret kelma sinonima mal-Kavallier tal-Italja li ħadem tant għal ġieħ u unur in-nisa tal-Italja. Li ma nifhimx hu jekk dawn in-nies humiex konxji tal-konsegwenzi tal-preżenza tagħhom fuq ix-xibka virtwali. Fil-Festschrift Immanuel Mifsud tagħna stampa ċara ta’ dak li sejjaħ bħala il-konfessjonarju ta’ Foucault. F’J’accuse semmejna kemm il-darba kif kien hemm perijodu fejn il-blogs servew ta’ mera ħarxa li uriet il-kruhat tas-soċjeta tagħna. Ma konniex nafu jekk aħniex lesti għalihom dawn il-veritajiet.

Bħal Alice fil-pajjiż tal-meravilji sirna, diffiċli tifhem dak li hu veru u dak li hu virtwali. Forsi la nifhmu li dak li ilna insejħu virtwali huwa biss estensjoni tal-veru forsi hemmhekk biss nimxu l-quddiem.

**

Cyrus Engerer il-politikant bla kostitwenti bena dar fuq Facebook. Mill-kampanja tad-divorzju il-quddiem bena persunaġġ virtwali. Cyrus il-laburist li qiegħed bilmod ilmod iżarma l-ewwel maskla reali li kien bena fil-bidu tal-karriera politiku tiegħu meta kien Cyrus in-Nazzjonalist li forsi (forsi) kien jirrekordja lil kollegi tiegħu meta’ jkunu f’xi dagħdigħa ta’ bejn il-ħbieb – just in case.

Franco Debono imur il-parlament bħala deputat nazzjonalista. Anki Jeffrey Pullicino Orlando. Imbagħad meta taqbżilhom u jridu jiftħu l-mitraljatriċi tal-kritika jidħlu fuq Facebook jagħmlu xi status update. “Does RCC have a blog?” kienet waħda mill-aħħar enigmi ta’ Franco. Sa fejn nafu aħna m’għandux blogg RCC. Konna nistednuh għall-bloggata guest – imqar għall-kurzita biex naraw x’ikollu xi jgħid.

Sadattant blogs oħra li nibtu waqt il-falsa stikka tal-elezzjoni li qatt ma kienet mietu fuq ommhom. L-azzopardinicky’s tal-mument kienu posposti għal mument opportun. Kien kmieni wisq biex iżżomm ritmu ta’ elezzjoni. Dan jafu Muscat li issa inbela f’nassa ta’ prattikament prim ministru kostanti sa mill-inqas is-sena d-dieħla.

**

U Simon Busuttil li ma jridhiex tas-suċċessur predestinat qed jisħaq fuq komunikazzjoni. S’issa kull meta tniffes, tniffes biex jgħidilna li jew iridu jisimgħu iktar jew iridu jikkomunikaw aħjar dak li qed jagħmlu. Għax dak li qed jagħmlu huwa tajjeb.

Li għadna ma smajniex minn Simon Busuttil huwa jekk hux se jkollu messaġġ li jwassal, hux se jkollu kontenut ġdid, jew inkella aħniex se jkollna biss reċiklaġġ u stinar fuq messaġġi li ilhom li intilfu fil-kaos tal-eteru. X’se jisma’ Simon? Il-graffitti fuq il-ħitan?

**

Ilna niġru. Bl-Ingliż ngħidu “to rush” u qlibniha tirraxxja. Bħal dak li bela’ l-ecstasy u ma baqax jagħmel sens. Għax il-moħħ jaħseb sew meta jirrifletti u mhux meta jispara bl-addoċċ. Il-moħħ huwa l-ewwel għodda. Id-dinja virtwali – dik l-estensjoni tad-dinja reali – għandha potenzjal qawwi. Enormi. Pero jekk naqbdu niġru biha ma ndumux ma nsibu l-ewwel ħajt u nibqgħu deħlin dritt ġo fih.

Facebook Comments Box

3 replies on “Rush coming up”

Tirraxjax niftakarha l-aktar fil-futbol. Meta ta’ kontriek ikollu l-ballun f’saqajh tattakahx bis-sahha ghax facli jaghmel mossa ckejkna u jizbilancjak kollok.

Fid-dinja virtwali, tajjeb li tattakka u tipprova takkwista l-ballun lura, imma kollox bil-hsieb u b’abilita.

Peress li ghat-tieni darba f’dan il-blog semmejt il-kaz ta’ Julian Galea b’relazzjoni mieghi, xtaqt nassigurak li tattici bhal dawk mhumiex fl-istil tieghi u ma nemminx li ghandhom jintuzaw, la fil-politika u l-anqas f’cirkostanzi ohra.

Grazzi tal-kumment Cyrus u skużani tad-dewmien fit-tweġiba tiegħi.

Jiena lest li nikkonferma illi tiegħi hija biss ipoteżi ibbażata fuq numru ta’ konklużjonijiet li għamilt wara’ li eliminajt l-ovvju. Lest ukoll naċċetta il-kelma tiegħek li ma kontx int li irrekordjajt lil dawn l-ex membri tal-kunsill ta’ Sliema meta inti tagħmel ċaħda kategorika u diretta dwar dan.

Aħfirli jekk ma nistax nagħti wisq importanza lil kelma tiegħek dwar x-inhu u x-mhux fl-istil tiegħek meta l-aġir tiegħek fil-passat wera’ proprju il-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid u kif jaf kullħadd l-azzjonijiet huma ħafna iktar qawwija mill-kliem.

Madanakollu ma narax għalfejn wieħed m’għandux jaċċetta li persuna oħra ma tgħallmitx minn żbalji fil-passat ġaladarba din il-persuna tkun għarfet dan l-iżball u refgħet ir-responsabilta tagħha u fid-dawl ta- dan inkun nista nawguralek kull riżq fil-karriera futura politika tiegħek.

Comments are closed.