Categories
Values

Ċensu

Ħa ngħidilkom ghaliex meta smajt l-aħbar li ħalliena Ċensu Tabone ħsiebi mar fil-parapett. Kont kbirt biżżejjed biex inkun nista nitlaq ‘il bogħod minn taħt għajnejn il-ġenituri. Dak iż-żmien Marsalforn kien għadu r-renju inkontestat tat-tfal fejn kull bieba kienet miftuħa, kull parapett kien jilqgħek u l-omm ixxurtjata tal-mument kienet issib kotra tfal jiġru ħafja wara l-bieb qed iħejju għad-doveri imqarba tal-jum. Sajf jew xitwa, Milied, Għid jew Karnival konna niltaqgħu. L-Għawdxin ta’ barra, il-Maltin imnissla minn Għawdxin u l-Għawdxin D.O.K.

Il-btala kienu jfissru il-bidu tad-divertiment. Roti jiġru mas-saqajn mill-Menqa sal-breakwater u tfal ma kullimkien jiskopru d-dinja u lil xulxin mingħajr ebda biżgħa u  l-uniku rażan kien il-homework li għadu ma tlestiex (jew jekk kont kemm kemm ikbar l-istudju għall-O level li għadek trid tagħmel). L-irkejjen kollha konna nafuhom – miz-zuntier tal-knisja ta’ Dun Marjan sal-buskett ta’ fuq il-parking li għalina kien bosk infinit. Kien hemm rokna speċjali għal dawk fostna li konna ninzertaw dawk il-ġimgħat kmieni tal-Għid qabel ma jaslu il-Maltin. Kien parapett enormi (kollox suġġettiv meta tkun żgħir) li kien jmiss ma’ tarf in-niżla tat-triq li mir-Rabat twassal għal Marsalforn.

Hemm, f’dik il-kantuniera bejn il-Marsalforn Hotel  u l-Lantern,  intlagħbu l-ikbar logħbiet tal-ballun li qatt raw dawn il-gżejjer. Kemm il-darba niżlu jilgħabu il-Liverpool ta’ Dalglish u l-Juventus ta’ Platini lanqas ma tista’ tgħoddhom. U fis-skiet għażżien ta’ tard filgħodu qabel ma tinstema’ kbira l-għajta għall-ikel kien ikun hemm elf għajta oħra ta’ “goooowl”… Ma kienx isir logħob biss meta’ l-persjani tad-dar tal-parapett kienu miftuħa għax dak kien ifisser li kienu ġew is-sidien u s-sinjura żgur ma kenitx tieħu gost bit-tambir tal-ballun jirbombja kontra l-injam (tal-ġild jekk jogħġbok mhux xi SuperTele kwalunkwe).

U l-ħafna drabi meta l-logħba tal-ballun tkun imprattikabbli minħabba l-wasla tas-sidien ma kien ikun ġara xejn. Għax il-wasla tagħhom kienet tfisser li waslet ukoll il-familja estiża ta’ tfal u neputijiet. Allura erħilna ilkoll lejn il-wied… kollha kemm aħna… Ċensu (jnr), Mikela, Francesca, Mark, Joe, Andrew, Nicky, Nicola, Paula, Joanna, John u… u … il-lista kienet infinta daqs il-familja enormi… (skużawni jekk insejt lil xi ħadd). Ta’ tfal li aħna konna insibu dejjem biex negħdew.

U meta fis-87 rajthom bit t-shirt ta’ Ċensu Tabone, dak li kien in-nannu ħa lewn ieħor. U bqajt insegwih kemm dam fil-politika minn dakinhar. Segewejtu avolja kien għażel li jibni fuq il-parapett u jestendi d-dar. Hekk jew b’hekk sa dakinhar żmien il-logħob kien għadda u Marsalforn kien sar iktar post fejn infittxu l-ewwel namrati. U mhux se tmur tinnamra fil-parapett tal-Ministru hux?

Ċensu ma baqax biss in-nannu ta’ sħabi iżda sar ukoll il-politiku li missu ikun xempju għal dawn l-iskuża ta’ politikanti li għandna illum. Sar President u wettaq dmirijietu lejn il-pajjiż. Baqa’ jitkellem b’dak l-aċċent inimitabbli Għawdxi li kien jagħmlu iktar ġenwin. Il-figura tan-nannu Ċens kienet saret dik ta’ – kif isejħulu l-Ingliżi – a statesman. Tajjeb li jibqa’ imfakkar hekk.

Imma għalija jibqa’ l-ewwel haġa li tiġini f’moħħi. Dak il-parapett….

Strieħ fil-paċi nannu Ċens.

Min hawn nixtieq nagħti l-għomor lill-familja kollha ta’ Ċensu Tabone – wieħed mill-aħħar politiċi popolari tas-seklu għoxrin.

 

 

 

Facebook Comments Box

7 replies on “Ċensu”

What a lovely and heartfelt tribute. Genuine and sincere – just like Dr. Tabone himself. Thank you for this “obituary”.

Kumment-memorja originali. Grazzi talli fakkartu hekk, b’dan il-mod… semplici u veru, propju kif kien Censu!

Such great memories Jacques…. though I remember drawing faces on the parapett and playing hopscotch! Occasionally, Platini used to join us too… Thank you X

Comments are closed.