Categories
Festschrift 2012

and then there was Kenneth.

We’d like to apologise if our list of MMV bloggers for the festschrift was not exhaustive. I’d originally stuck with 7 bloggers – like the years that had passed. Then some, like David and Alex ended up being added to the list, not as an afterthought mind you but purely out of their interest to join the festival of reminiscence. Then Toni told me… what about Kenneth? Have you spoken to Kenneth? To be honest I’d forgotten about Kenneth – we had lost touch ages ago. I sent out some feelers but thought it was probably too late for Kenneth to send in his two cents’ worth. Apparently it wasn’t…*

Seba’ snin ilu kelli blogg. Kont ftaħtu f’nofs is-sixth form u ndukrajtu għal sentejn u ftit. Imma llum insejt x’kien fih għax kont ħassartu.

Qabel ma miet zoptu, ħin biex neqred b’kliem tant mirqum ftit kien għad fadalli. Imbagħad naħseb li kont bżajt li seba’ snin wara għad nerġa’ nsibu ma’ wiċċi, għeruqu mħawla fis-sod tal-garigori tal-Google. Li nkun nixtieq l-art tiblagħni, imbagħad, jien u naqra dak li kien kiteb il-jien tal-bieraħtlula. Li forsi nintebaħ li wara kollox ftit li xejn kbirt, ta’ 25, mill-jien ta’ sbatax/tmintax. U dik tbeżżagħni mmens.

L-ekosistema kienet bdiet tinbidel ukoll. Sirna iżjed ikkakkmati mal-iskrijn minn dak iż-żmien ‘l hawn u sa bdejna nġorruh fil-but, iżda tgħażżinna. Qabad il-Facebook f’Malta. L-għodda l-ġodda għamluha faċli li taqsam ħsieb (tant li l-ħin kollu jsaqsuk x’qed taħseb) imma qatlulna l-ħeġġa. Dak iż-żmien kont tinzerta post fuq blogg fejn id-diskussjoni kienet taħraq fis-sezzjoni kummenti. Fausto, Mifsud, Stagno, l-Imżebbel; il-bella kumpannija. Ġieli argument kien ikarkar għal ġranet qalb l-‘elit krepuskolari’, qabel tfantsu u reġgħu daħlu f’qoxrot il-pitazz fejn jiktbu l-kotba. Imma ridt tinzertaha d-diskussjoni biex tkun taf biha. U ridt tiftakar terġa’ tidħol tiċċekkjaha, bla ebda ‘1 new notification’ bl-aħmar li ttellfek milli tqatta’ ħinek tqalleb fuq ħajjet ħaddieħor u tindokra r-ritratti tiegħek itteggjat f’xi ikla fniek mal-ħbieb.

U l-folja kompliet tinqaleb għall-bloggosfera Maltija. Il-moviment sar mainstream, kważi kważi. Minn mezz imperreċ fil-beraħ iżda xorta mistur biżżejjed fl-oskurità tiegħu, għajr għall-ftit li jafu bih, sar mezz taparsi ħieles iddominat mill-ftit li jafu bihom il-ħafna. Il-bluwmers minxura fuq il-bejt f’daqqa waħda mxew għal fuq il-ħabel ta’ quddiem li jidher mit-triq. U b’hekk DCG ġabet magħha l-merħla li ħesrem għarfet il-velenu li jiktbu dawk l-imġiddmin bloggejja. Il-velenu li qabbadhom il-leblieba għal iktar, għax il-Malti għatxan għal hekk. Imma tal-MMV kienu diġà ħbew idhom u bewġu ‘l ġewwa.

Illum ‘blogg’ sar sempliċi kumment fuq artiklu tat-TOM. Il-‘bloggej’ tal-lum jifraħ li ngħata leħen għax m’għadux jistenna l-ġranet sa ma tidhirlu l-ittra ‘l-editur; il-moderaturi saru jtellgħulu l-kumment fi żmien siegħa, sagħtejn l-iktar! Intant, l-eks-bloggs tal-elit krepuskolari, m’għandix dubju, jitqallbu f’qabarhom.

Diamonds in the rough:

L-Istordut Kroniku – Fost l-istrixxikli u diversi tpenġijiet, kien kiteb serje bl-isem ‘Iċ-Ċirku Bertu Funtana’. Fiha kien irrakkonta l-praspar ta’ klikka żgħażagħ li kienu jinġabru l-Belt fit-80ijiet. Smajna b’ċertu tali mlaqqam il-Bauhaus; bir-Riku; bl-Istordut innifsu. Ħadd ma basar li dawn il-karattri kellhom jieħdu l-ħajja meta nxterdu l-vidjos tal-Maltasajf ’86 fuq il-Youtube tliet snin ilu.

Books & Beans – Mejlak kien jibbloggja darba f’mitt qamar, iżda wara kull waħda kien iħallina ssummati. Kellu (u għad għandu, insomma) ħabta kif ipoġġi l-kliem. Darba minnhom il-kitbiet sparixxew mill-blogg iżda, b’xorti tajba għalina, sabu ruħhom f’Qed Nistennik Nieżla Max-Xita.

Ereżija – Is-silta infami “Li Tkisser Sewwi” kien ilha tgħix fuq l-eteru ferm qabel ġiet ippubblikata f’Ir-Realtà. Jew ħadd ma kien familjari mad-diversi bloggs sperimentali ta’ Vella Gera, jew ħadd ma kien jitkaża wisq dak iż-żmien.

Tal-Maqluba – Antoine Cassar kien maverick letterarju dik il-ħabta. Il-mużajki tiegħu – poeżiji li jħaddmu diversi ilsna, xi kultant anki fl-istess vers – kienu xi ħaġa tal-meravilja ngħid għalija. Tant kienu tajbin li saru jispiraw il-ktib tar-rapport tat-temp dal-aħħar.

Il-Kurat Gybexi – Darba kiteb dwar idea li kellu għal riforma tat-trasport pubbliku f’Malta. Niftakarni naqra fuqha fuq il-blogg tiegħu, imma ma nafx qattx ippubblikaha fid-dettall. Jew forsi kien diġà tarrafha ‘l Delia.

Lamppost Campaign – Fl-2005 saru l-elezzjonijiet għall-ewwel MEPs Maltin. Ftit qabel kienu saru popolari serje t’intervisti ta’ Norman Lowell li ttellgħu fuq il-Maltafly (kien għad għandha l-ġwienaħ dak iż-żmien). Ħafna mill-bloggejja raw oltrè l-valur komiku tagħhom. Kien diġà beda l-assedju ż-żgħir, kif laqqmuh iktar tard il-Brikkuni, u żdiedu l-miġjiet bid-dgħajjes mill-Afrika. U magħhom id-diversi arson attacks. Il-Lamppost Campaign, mibdija proprju minn J’Accuse, naħseb kienet l-ewwel kruċjata diġitali tal-għamla tagħha f’Malta (għalkemm żgur ma nxterditx daqs ir-‘rivoluzzjoni’ virtwali li rajna fi żmien ir-referendum għad-dħul tad-divorzju fl-2011).

Biex nagħlaq, lil Jacques nawguralu l-ad multos annos. U lill-eks-ġirien tal-Bloggosfera MMV, insellmilhom mill-ġdid talli kienu mewġa ta’ tama f’baħar ta’ baħħ. PTP.

 

* J’accuse note: One last thing. The image that has been accompanying the festschrift is taken from Gozo artist Christopher Saliba’s collection. You can find a gallery of his works here.

Facebook Comments Box

One reply on “and then there was Kenneth.”

Comments are closed.