Categories
Mediawatch Middle East

Trump u Gerusalemm: Titnehha l-maskra

Intervent li għamel Karl Schembri fil-gażżetta t-Torca. Din qiegħda tiġi riprodotta hawn bil-permess tiegħu. L-opinjoni espressa fl-artiklu hija tiegħu personali.

L-aħbar li l-Amerka tirrikonoxxi Ġerusalemm bħala l-kapitali tal-Iżrael m’għandha taħsad lil ħadd. Jekk xejn, fl-aħħar, tneħħiet il-maskra tad-dupliċita’ perversa tal-Amerikani lejn il-kwistjoni tal-Palestina. Trump, bil-vulgarita’ medjokri tiegħu, ineħħi kwalunkwe pretensjoni falza lejn l-hekk imsemmi ‘proċess ta’ paċi’. Staqsi kwalunkwe Palestinjan u jgħidlek, “xi proċess? B’min trid titnejjek?”. Trump fl-aħħar ta s-siġill tal-approvazzjoni tiegħu lejn kull illegalita’ li twettaq l-Iżrael fil-Palestina okkupata. Mit-tkeċċija tar-residenti Palestinjani f’Ġerusalemm, għat-twaqqiegħ tad-djar u l-iskejjel Palestinjani, sal-bini tal-kolonji Lhud fil-qalba tal-Palestina. Tneħħiet ukoll il-pretensjoni li l-Amerka hija l-medjatur ta’ rieda tajba bejn l-Iżrael u l-Palestina. Trump għamilha ċara iktar minn qatt qabel, imma ma ninsewx li taħt Obama nbnew l-iktar kolonji fl-Istorja u kellna l-ikbar gwerra mdemmija fuq Gaża.

Il-mistoqsija issa hi: X’se tagħmel il-bqija tad-dinja? X’se jagħmlu l-kapijiet Għarab? U x’se jagħmel Mahmoud Abbas? Diġa’ rajna ftit kliem ta’ rabja mill-kapijiet minn madwar id-dinja. X’se jagħmlu dwarha? L-Għarabja Sawdija, il-Ġordan, l-Eġittu u l-istati pupazzi kollha tar-reġjun m’huma se jagħmlu xejn. Bħalissa qed jittollerraw ftit protesti fit-toroq. Ftit ieħor jibdew jarrestaw l-imqarbin li jgħollu leħinhom.
Abbas, li kieku għandu ħabba waħda ta’ dinjita’, ixolji l-Awtorita’ Palestinjana, jagħlaq ir-rappreżentanza Palestinjana f’Washington DC, u jiddikjara darba għal dejjem li l-ftehimiet kollha, ibda minn Oslo, huma nulli u mitfugħin fil-miżbla tal-Istorja. Imma mhux se jagħmel hekk. Jiddependi mill-Amerikani biex iħallas is-salarju tiegħu stess u ta’ eluf ta’ impjegati tal-Awtorita’ Palestinjana.

Il-PLO — l-Organizazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina, imissha issa tagħmel dak li jgħid isimha — twassal għal-liberazzjoni tal-Palestina. Ma fadalx triq politika miftuħa. Għall-Ewropa, dan huwa ċans biex tidħol bħal qatt qabel u tiddefendi l-liġi internazzjonali. Malta għandha tgħolli leħinha fl-Ewropa u tfittex gvernijiet li huma tal-istess fehma sabiex jagħmlu pressjoni fuq l-Iżrael.

L-Iżrael issa, bis-siġill ta’ Trump, se tkompli tagħmel dak li ilha tagħmel għal deċennji. It-tindif etniku tal-Palestina. Din tħalliha b’żewġ possibiltajiet: Jew tiddikjara l-Palestinjani ċittadini tagħha u ttihom drittijiet indaqs bħal-Lhud tal-Iżrael, jew inkella taċċetta li dan huwa stat ta’ Apartheid. U lkoll nafu kif il-bqija tad-dinja trattat l-Afrika t’Isfel fis-snin tal-Apartheid.

Karl Schembri għex għal erba’ snin fil-Palestina okkupata u bħalissa jgħix fil-Ġordan fejn jaħdem bħala media adviser għal-Lvant Nofsani ma’ aġenzija umanitarja. L-opinjoni espressa f’dan l-artiklu hija biss dik personali tiegħu.

Facebook Comments Box