Categories
Values

It-tiftixa tal-klassi mitlufa mill-fond ta’ pultruni sħan

Dan l-aħħar dan il-blog ġie akkużat li kien “klassist” u “elitist”. Ġie appik dak il-kumment għax kont diġa fi proċess ta’ thewdin u ħsieb dwar dan il-kunċett ta’ klassi. Fuq diskursata li kienet għaddejja fuq Facebook kont tfajt (iktar bi provokazzjoni milli b’konvinzjoni) li l-“klassi” hija mejta. Mhux għax nemmen li l-idea, il-kunċett astratt ta’ klassi, ma jeżistix imma (forsi) għax il-klassi fid-dinja postmoderna ma għadhiex daqshekk tanġibbli.

Ifhem, ġo moħħna meta nitkellmu bejnietna kullħadd għandu idea ta’ klassi / anki sens ta’ appartenenza għal klassi jew oħra. Hemm ukoll diversi klassi li jiġu definiti b’sens xjentifiku denju ta’ Linnaeus skond il-bżonn ta’ min qed jagħmel studju. Ngħidu aħna klassijiet demografiċi jew ekonomiċi. M’aħniex nieqsa minn tip ta’ “ikklassar” amatorjali illi trid jew ma tridx jaf jolqot fil-laħam il-ħaj minħabba raġunijiet storiko-soċjali.

iww-class-pyramid

Ara per eżempju l-orġja ta’ sindikajr u garzellar illi isir fuq id-delinjazzjoni ħamallu-pepe li jxejjen il-linji Maginot ta’ l-ewwel gwerra dinjija.

Iżda fit-tiftixa tal-vera klassi li għandi f’moħħi kelli sensiela ta’ kriterji li xtaqt nitfa’ hekk fuq il-mejda sabiex forsi jintagħrblu mill-qarrejja.

1. L-għarfien li inti tagħmel parti minn klassi

Inqisha importanti din. Ejja nimmaġinaw li inħalltu il-kriterji ekonomiċi u dawk soċjali sabiex xufier tal-linja kolt u b’valuri konservativi u figlio di papa li jgħix ħajja ixxellerata u jiġi jaqa u jqum mill-proxxmu ma humiex faċilment garzellati. Ejja ukoll nagħmlu kriterju fejn biex wieħed jista’ jitqiegħed ġo klassi, tkun xi tkun, irid ikun (a) konxju ta’ l-eżistenza ta’ din il-klassi, (b) jaċċetta li jifforma parti minnha. F’dak il-każ kemm il-klassi ikun hawn? It-tikketti faċli jirrumblaw minn fuq ilsienna, imma jeħlu?

In-nouveau riches, il-familji landowners tal-giro del secolo fine ottocento, il-ħaddiema, it-tfal tal-ħaddiema emanċipati, il-professjonisti? Nistgħu niġbru ċetu soċjali ta’ familji illi trawwmu u draw is-sistema Mintoffjana li tiddependi fuq il-handouts? (fenomenu li żgur mhux limitat għal Malta – ara India u anki f’ċerti oqsma il-Lussemburgu). Għaldaqshekk ieħor xi ngħidu għal network ta’ familji nel giro nazzionalista illi bejn papa, ziju, u tribu elettorali ħolqu ċirku vizzjuz illi minn barra jidher ta’ “ħbieb tal-ħbieb”? Dawn iż-żewġ gruppi ta’ l-aħħar forsi ma jużawx l-istess termini biex jiddeskrivu lilhom infushom imma żgur li (a) jagħrfu li maqtugħin mill-istess pezza u (b) ikunu anki kburin li jiffurmaw parti minn dak il-grupp.

Din il-bloggata tieqaf hawn b’dan l-ewwel kriterju-provokazzjoni. Għad hemm ħafna x’nistaqsi u titkompla fi bloggati li jmiss.