Malta, l-UE u r-rifuġji fiskali

L-ewwel parti: Rifuġji Fiskali u Politika Ewropea

Ilbieraħ l-Unjoni Ewropea ippublikat “blacklist” ta’ rifuġji fiskali (tax havens) u din tinkludi 17-il pajjiż barra l-Unjoni illi jitqiesu bħala pajjiżi li ma jikkoperawx f’materji fiskali. Milli stajt nara, ir-reazzjoni għal din l-aħbar kienet waħda li tirrefletti konfużjoni kbira kemm dwar is-suġġett innifsu kif ukoll dwar il-protagonisti principali.

Ħa nibdew mill-kwistjoni ta’ rifuġji fiskali (tax havens). Il-villaġġ globali li inħoloq wara tmiem it-tieni gwerra dinjija jiddependi ħafna fuq l-iskambju ekonomiku, is-swieqi ħielsa jew swieqi ta’ skambju kummercjali u l-mobilita’. Is-swieq ħielsa kienu pedament importanti sabiex, fost l-oħrajn, ikun hemm incentiv biżżejjed biex pajjiżi fil-kontinent il-qadim jingħaqdu u għall-ewwel darba wara mijiet ta’ snin iwaqqfu il-gwerer ta’ bejniethom.

L-Unjoni Ewropea inbniet fuq il-pedamenti ta’ erba’ libertajiet ekonomici – il-moviment liberu tal-prodotti, tas-servizzi, tal-kapitali u tal-persuni. L-ewwel drittijiet ta’ moviment ħieles kienu marbutin strettament mal-ekonomija u l-possibilita’ li tikber. Il-ħsieb kien, u għadu, li l-ġenerazzjoni ta’ ġid jikber u jitqassam. Sadattant parallel mal-iżviluppi ekonomici fil-kuntest ta’ swieq u economies of scale, il-pajjiżi membri kienu ukoll baqgħu jipperfezzjonaw sistemi ta’ welfare – saħħa, edukazzjoni ecc illi mhux biss huma kumplimentari għall ekonomija iżda jitqiesu bħala essenzjali għall-qgħada tajba tac-cittadini ta’ pajjiz.

Tajjeb li wieħed ifakkar li minkejja li l-Unjoni Ewropea hija għaqda ta’ stati, dawn jibqgħu sovrani u jżommu għalihom id-dritt sovran li jirregolaw certi oqsma. Kull tant żmien jiġu innegozjati pakketti ta’ armonizzazzjoni li jfissru li l-politika f’certu oqsma ikollha standard minimu komuni jew sahansitra regola komuni li tapplika indaqs ma kullhadd. Meta jkunu qed jagixxu b’dan il-mod l-istati ikunu qed jaħdmu fl-interess tagħhom stess (individwalment) qabel ma jikkunsidraw il-bżonnijiet komuni. Hija sistema ta’ kompromessi u negozjar fejn wieħed icedi naħa u jirbaħ oħra.

Ir-reġim fiskali huwa qasam li qajla qed jiġi armonizzat. L-interessi ta’ pajjiżi differenti anki fi ħdan l-UE huma differenti. Pajjiżi li specjalizzaw f’sistemi fiskali attrajenti – bħal Malta, Lussemburgu, l-Irlanda u l-Pajjiżi Baxxi – għandhom interess li ma jippermettux stati oħra jirregolaw dan il-qasam iżżejjed għaliex jitilfu ħafna mid-dħul li għandhom. Ma ninsewx ukoll li minkejja l-indinjazzkoni li juru certi pajjiżi hekk imsejħa kbar, dawn ukoll jabbużaw minn mekkaniżmi fiskali li inħolqu f’territorji iżghar li qiegħdin fil-kontroll tagħħhom Hekk Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit igawdu mis-sistemi fiskali ad hoc maħluqa f’postijiet bħal Andorra, Monaco, San Marino, ic-Channel Islands u Liechtenstein.

Huwa car li dan il-qasam huwa wieħed fejn l-interessi nazzjonali fi ħdan l-UE jirbaħ kull sforz ta’ armonizzazzoni konkreta. Il-pajjiżi ma jitiflux cans li jisparaw fuq pajjiz membru ieħor ma’ l-ewwel sinjal ta’ djufija… dan jispjega ukoll kif id-dibattitu dwar il-qiegħda tal-istat ta’ dritt f’Malta ġie żvijat kemm il-darba fuq il-kwistjoni ta’ rifuġju fiskali – kwistjoni li tellfet ħafna mill-kwalita’ tad-diskussjoni. Minkejja li ma hemmx dubju li pajjiż fiskalment attraenti jista’ jiġbed l-interess ta’ flus hekk imsejħa “maħmuġa” u b’hekk isir pajjiż komdu għall-ħasil ta’ tali flus, il-fatt jibqa li l-kwistjoni ta’ stat ta’ dritt hija importanti għax b’istituzzjonijiet li jiggarantixxu li dan ma jsirx (permezz ta monitoring tajjeb u indipendenza) l-attrativita’ fiskali ma ssirx awtomatikament bejta tal-ħasil ta’ flus.

Issa, biex nerġgħu għad-dikjarazzjoni tal-UE dwar il-lista’ s-sewda. Jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqad il-pajjiżi Ewropej fuq kwistjonijiet fiskali hija proprju dik dwar kompetitivita’ fuq skala internazzjonali. X’ifisser dan? Ifisser li filwaqt li difficli li wieħed jimmaġina lill-pajjiżi tal-UE jaqblu dwar limiti ta’ tassazzjoni bejniethom, l-istess ma jistax jingħad fir-rigward tal-konkorrenza internazzjonali minn pajjiżi bħal Panama. Hu għalhekk illi mill-aspett Ewropew ma hix ħaġa sorpredenti li sar il-qbil li sar illi iffoka fuq pajjiżi barra l-UE.

It-tieni parti: Rifuġji fiskali vs kompetitivita’ fiskali

Wieħed irid ukoll joqgħod attent meta jitkellem dwar sistemi fiskali differenti li jeżistu kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Reġim fiskali li jiffacilita l-ħasil ta’ flus ma huwiex fuq l-istess livell ta’ reġim fiskali illi joffri vantaġġi lil min jiflaħ iħallas għal dak it-tip ta’ ippjanar.

Ir-rifuġju fiskali illi minħabba monitoraġġ laxk jew nuqqas totali ta’ kontrolli jsir għodda ta’ ħasil ta’ flus ma huwa qatt se jiġi promoss – la fis-sistema Ewropea u lanqas f’dik dinjija. Ir-raġuni hija waħda ovvja – is-sors illegali tal-flus li jaslu f’dan it-tip ta’ reġim huwa problema għall-pajjiżi kollha għaliex jsaħħaħ sistemi illegali li jtellfu mis-sistema ekonomika dinjija kif ukoll huma moralment reprensibbli. Pajjiż bħal Panama li dan l-aħħar ħareġ fic-car mill-Panama papers li kien jonqos ħafna mill-iskrutinju (tant li persuni li suppost huma meqjusa bħala politikament esposti (PEP’s – politically exposed persons) xorta sabu mod kif jiftħu kontijiet hemm – awtomatikament jaqa’ taħt din il-kategorija ta’ rifuġji fiskali.

Mill-banda l-oħra pajjiżi bħal Malta stess għandhom interess li jkollhom politika ta’ kompetitivita’ fiskali. Huma specjalment pajjizi żgħar illi ma jifilħux jikkompetu f’oqsma ta’ produzzjoni u manifattura illi ħafna drabi jittantaw it-triq ta’ kompetitivita’ fiskali. Il-kritika li jaqilgħu dawn il-pajjiżi – li kull ma jagħmlu hu li joffru kundizzjonijiet favorevoli sabiex kumpaniji jagħżlu li jkunu intaxxati f’pajjiżhom – hi li qed jaqilgħu il-flus minn fuq dar ħaddieħor. Bosta drabi s-sistema ekonomika ta’ pajjiż hija waħda kumplimentari – dħul minn taxxi u ħruġ fuq welfare. Issa jekk pajjiż partikolari qed jara li t-taxxi li seta jiġbor minn kumpaniji qed “jaħarbu” lejn pajjiżi oħra b’sistema kompetitiva ta’ taxxi wieħed jifhem għalfejn ma hux kuntent.

It-tielet parti: Il-politika fiskali u l-moralita’

Ħafna kritika tas-sistemi fiskali ġeneralment titfa’ il kull tip ta’ sistema f’keffa waħda. Dawk li jpinġu sistemi li potenzjalment jiffrankaw t-taxxa lil min jiflaħ ħafna bħala sistemi li huma moralment reprensibbli ma għandhomx tort sa l-aħħar. Fl-istess waqt pero ma nistgħux ninjoraw illi d-differenzi bejn sistemi u oħrajn – illi jikkonsistu fis-solidita’ ta’ skrutinju u trasparenza – huma importanti ukoll. Nieħdu lil Malta illi għaliha huwa importanti ħafna s-settur ta’ kompetitivita’ fiskali. Id-deciżjoni jekk il-pajjiż għandux ikompli f’din it-triq hija waħda importanti u hija politika fil-veru sens tal-kelma.

Trid tkun għami iżraq jekk taħseb li s-sigurta’ socjali li tgawdi minnha bħalissa ma hix frott ukoll ta’ profitti li s-sistema fiskali preżenti qed toħloq. Dan ma jfissirx li ma gġandhomx jitqiegħdu f’diskussjoni kemm il-politika fiskali, kif ukoll il-politika dwar gaming per eżempju – li hija sistema oħra leġiżlattiva fejn nisfruttaw vantaġġ kompetittiv fiskali biex niġbdu f’pajjiżna flejjes bħal dawn.

Li rrid ngħid hu li ma hemm xejn ħażin li jkollna dubji dwar is-sistemi politici tagħna. Anzi, huwa importanti illi minn żmien għall-ieħor il-pajjiż ikollu diskussjonijiet dwar l-identita’ tiegħu. Pero ma nistgħux nitfgħu kollox f’keffa waħda u  ma nassumux il-fatt li sistemi fiskali huma parti mis-success ricenti tal-pajjiz.

Ma huwiex sorprendenti li Malta ingħaqdet mal-pajjiżi tal-UE u sawwret lista sewda ta’ pajjiżi bħal dik li għandna issa. Li hu sorprendenti hu li bħala membru tal-kunsill UE, Malta qablet u ivvutat li wieħed minn dawn il-pajjiżi ikun il-Panama. Ir-rappreżentant tal-gvern li ivvota kien qed jivvota u jaqbel mal-fatt illi il-pajjiż fejn Ministru tal-Kabinet u Chief of Staff tal-Prim Ministru fetħu kumpaniji huwa pajjiż illi jisħoqqlu label ta’ blacklist għaliex hemm suspetti kbar ta’ nuqqas ta’ trasparenza. Jekk xejn dik hija l-iktar aħbar sorprendenti li ħarġet.

 

Facebook Comments