Categories
Arts

Move back

Dedikata lit-tlett mitt ruħ li tilfu ħajjithom qrib Lampedusa, fejn il-Gżira tal-Fniek. 

“Move back”, serra snienu
Idejh imdawra ggranfati ma’ l-istering.

Ħsibijietu,

bejn it-traffiku infern quddiemu
taħt sema’ jnixxi ilmijiet
li lanqas Noe ma qatt ra bħalhom,
id-dlam li jagħma kesa l-ajru
u t-tpaqpiq inċessanti tat-traffiku
mat-tpeċlieq reddieni tal-passiġġiera
dieħel itambar ġewwa rasu

Għajnejh,

jilmħu fil-mera mżejna rużarji
wiċċ ix-xjaten suwed emmissarji
mibgħuta jitturufnawh fil-wied ta’ rwieh mitlufa
u ma jiflaħx iktar

“Move back, ħaqqalla” (għax id-dagħa huwa obbligu)
“Or go back to your country”

“It’s time to wake up and smell the coffee”
Bir-road map quddiemu jiddandan daqs pagun

Ħsibijietu,

mgħarrqa taħt wiegħdiet u illużjoni
imbandla f’baħar ċekkijiet li qatt ma se jissarfu
miżgħuda bil-piż ta’ responsabilità li qatt ma basar
mejtin għal kapru espijatorju
għal Ażażel baħri tal-bnazzi

Ħalqu,

jitgħawweġ u jitkemmex fit-truf
bejn tbissima għax ġietu tajba
u oħra qarsa tal-verità mhix magħrufa
għax jafha hu biss
filwaqt li jbellgħa t-togħma tar-rebħa
għax bi kliemu jġib l-ilma jiżfen

“Push back” intranżiġenti
Pero tinkwetawx.. nieħdu ħsieb nisa u tfal

“Waan ku jecelahay” qaltlu bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha
…”jiena nħobbok”

Ħsibijietha,

marru f’art twelidhom,
fl-infern li ħallew warajhom
fit-tama ta’ bidu ġdid,
marru fl-ewwel darba li ratu
dik it-tbissima dawl f’deżert ta’ dieqa
dik il-ħarsa torri f’nofs armata ħażen u biża’,
marru f’jum żwieġhom
f’jum twelid binhom
fi vjaġġi tul deżerti u fost kriminali

Għajnejha,

lemħu ġisem żewġha,
l-aħħar qtar ta’ ħajtu jnixxi minn ġo fih
bħaldonnu mgħaġġla jeħilsu minn saħtet l-art,
lemħu t-tarbija tolfoq dmugħ
u raw lil Karonti jgħajjat xi ordni
(li widnejha la semgħu u lanqas kienu jifhmu)

U lemħu dawl blu jpetpet
raw l-anġlu joħroġ idu u jerfa’ lilha u lil binha
raw il-kutra tgħattiha

u reħiet għal mument id-destin tagħha f’idejn ħaddieħor

“Waan ku jecelaway” qaltlu bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha
…. inħobbok.

 

Facebook Comments Box

One reply on “Move back”

Comments are closed.