Categories
Values

il-Maltin ta’ barra

Kemm idum Malti il-Malti ta’ barra? Hemm xi sustanza fl-eteru li żżommu Malti għal dejjem jew hemm xi punt li minnu ma jistax jerġa’ lura? Malti tibqa’ għal dejjem għax Malta art twelidek u Malti l-ilsien li tagħtek ommok (jew forsi xi sekondarja wara ħafna tlaqliq, like). Imma hemm xi mument allura meta l-Malti barra minn Malta isir il-barrani li kien minn Malta? Teżisti differenza? Tagħmel differenza?

L-expat li ma jitħammilx f’pajjiżu huwa klixe li drajna mill-bidu. Erħilhom jironiżżaw bil-filosofija taż-żewġ ċenteżmi dwar l-iben il-għaqli li telaq għal għonq it-triq. Se nagħlqu disa snin fl-Ewropa. Disa’ snin li fihom bosta bint u iben artna telqu lejn Brussell – mhux Brussell il-belt mind you imma Brussell l-idea li tfarradna bilmod.

S’intendi fejn jaqbel lill-Malti l-esperjenza fi Brussell m’hawnx bħalha. Ara Dossier Muscat u Dossier Busuttil għal iktar dettalji. Imma grossomodo jibqgħu fuq l-istonku dawn l-erbat ifriefet li ittajru ‘l hemm. S’issa qajla impurtana li konna nissemmew fil-batal. L-ironija u s-sarkażmu dwar xi gravy train ftit kienet tinfluwenza ħsibijietna (minbarra l-ovvju tal-“jaħasra miskin” dedikata lil min tenna jew kanta dik l-insinwazzjoni).

Imma issa l-gravy train tagħna lkoll. Ma hemmx għalfejn tmur Brussell biex iddawwar sold. Anzi ta’ Malta aħjar minn ta’ barra għax flok concours u eżami kemm tippoża tnejn fuq billboard u prattikament taħlef  li temmen f’Joseph. Joseph wara’ kollox prodott ta’ Brussell hux hekk?

Le ta. Mhux hekk. Aħna dawk li tkażajtu bina għax għażilna naħdmu barra. Dawk li “bgħatnikom taqilgħu sold waqt li aħna inħallsu t-taxxi”. Dawk li “issa tiġi btala b’xejn minn fuq darna biex tivvota”. Aħna dawk li “issa int f’hiex tifhem għax mort ygħix barra”? Dawk li issa wara disgħa snin mhux talli jiddarrsu meta jisimgħu miġemgħa ilħna Maltin f’xi ajruport tal-Ewropa Tagħna Lkoll talli bdew jistaqsu imma aħna Maltin ta’ barra jew barranin minn Malta?

U fil-pront tiżbokka blog mimli nejk veritier (pastizz.tumblr.com) illi jurik li xi affarijiet ma jiġrux lilek biss… Għax forsi Malta qiegħdha f’moħħna u jekk konna mitt bniedem mitt fehma meta konna għadna fuq gżira gremxul ma jfissirx li se nwaħħdu fehemitna issa li ħriġna barra.

Imma xi ħaġa inbidel żgur. Xi ftit iktar barrani sirt. Forsi għax infsadt mill-fosdqa kennija tal-ħsieb ġewwa l-għar irnexxielek tistkenn mill-mard mentali li kull ma jmur qed jikber. Ma xrobtx mill-bjar tal-għerf li wasslu biex ikkonvinċew l-eluf li wasal żmien il-bidla biex imbagħad reddgħulhom kazz daqsiex.

Għaddew disa’ snin u ħsieb il-Malti ta’ barra baqa’ jhewden u jvenven mal-imħuħ. Forsi huwa dak il-ħsieb stess li jagħmlu daqshekk differenti u li fl-aħħar mill-aħħar iżommlu l-passaport malti imnaqqax fil-vini u fl-arterji.

Il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar waslu ġewwa d-dukat. Jgħidulhom logħob, isejħulna żgħar… kemm ma jafux jaħasra.

Facebook Comments Box

2 replies on “il-Maltin ta’ barra”

“fl-aħħar mill-aħħar iżommlu l-passaport malti imnaqqax fil-vini u fl-arterji”

È un modo di dire, naf, imma passaport huwa sempliċi dokument… anki jekk il-passaport il-ġdid iġorr ċippa bil-qisien ta’ ġismek u l-partitura ta’ sebgħek, tant jiddilwixxi “l-identità” bis-simboli u l-uniformità tiegħu, li r-ritratt li jidher wara nett ma jdumx ma jsir ta’ wiċċ barrani.

Il-paġni tal-passaport Malti mżejna b’mhux inqas minn 703 slaleb, ta’ Ġanni u ta’ Ġorġ, watermarks inklużi. Qatt ma bsart li kont kapaċi nġorr tant ħrara reliġjuża-patrijottika-kolonjali fil-but tal-jeans. Aħseb u ara fil-vini!

http://antoinecassar.wordpress.com/2013/05/26/of-passports-animals-and-flip-books/

Comments are closed.