Categories
Arts

Id-Dukat Clockwork Orange

Dalgħodu jien u nsuq lejn ix-xogħol minn dari gawdejt festival ta’ lwien li jpaxxi s-sensi. It-temp bħal donnu żamm biss sakemm l-eredi tad-Dukat qal is-sinjorsi u issa beda jħejji għall-wasla tax-xitwa. Il-kuluri tas-siġar ilhom li bdew ikanġu mill-aħdar sal-oranġjo, bil-fided u ħmura okkażjonali. Madre natura wasal żmienha u l-għelieqi fit-tramuntana tal-belt qed jeħilsu mill-mantijiet tagħhom u jlestu għall-wasla tas-silġ. Dan l-aħħar karozzti qed tkun miksija weraq filgħodu hekk kif is-siġar biswit il-parking ikomplu bl-itwal strip-tease inkejjuż ta’ l-univers… kuljum jikxfu biċċa oħra sakemm għodwa minnhom se mmur u nisbhom hemm fil-għera u bla mistħija.

Imma d-Dukat ma jħobbx il-kaos. Id-Dukat organiżżat. Dal-ħafna weraq mitluqin qishom xi karti tal-festa ma kienux ippjanati b’xi direttiva tal-komun u għaldaqstant hemm bżonn li tittieħed azzjoni minnufiħ. Għalhekk ukoll dalgħodu fost in-nida, iċ-ċpar u r-riħ jittanta l-weraq stajt tilmaħ l-armata oranġjo tixxerred mat-toroq. Armata irġiel lebsin overalls oranġjo isuqu trakkijiet oranġjo u miżgħuda għodda oranġjo. Xogħolhom li jikkumbattu l-elementi, li jostru il-manifestazzjoni diżorganiżżata tan-natura u fejn hemm il-ġenn ireġġgħu lura l-ordni.

Erħilha l-armata oranġjo tqatta’, taspira, tiżbogħ u tnaddaf biex ma jibqa l-ebda sinjal tal-mandra li qed tħalli warajha madre natura qabel ma jasal l-istaġun tal-“mewt qabel il-qawmien”. Kull ma jonqos li inbagħbsu ftit il-ħin u nreġgħu l-arloġġ b’siegħa sabiex artifiċjalment intawwlu l-illużjoni li aħna nikkontrollaw id-dinja u mhux bil-kontra.

Mingħalina li Galileo u Koperniku ilhom li ingħataw raġun. Mingħalina… imma il-larinġa mekkanika taf tgħallimna mod ieħor.

 

u din…

Facebook Comments Box