Categories
Campaign 2013 Mediawatch

Il-politika tal-friża

Aħna li ngħixu il-bogħod minn xtut gżiritna inbagħtu l-iktar mill-bard u kesħa li taffliġġi l-ambjenti illi naħdmu fihom tmenin fil-mija tas-sena. Filgħodu naraw it-tbassir tat-temp b’għajnejna jaqgħu l-ewwel fuq it-termometru u imbagħad inqabblu malajr malajr mat-temp f’Malta. Dalgħodu per eżempju jien u nsuq minn fost l-għelieqi fit-tramuntana tal-belt ta’ Lussemburgu tajt daqqa t’għajn lejn x’immarka t-termometru ‘abbord il-vettura’… tlett gradi ċentigradi (bis-sinjal ipetpet jiġifieri possibli li ssib silġ fuq it-triq u suq bi prudenza). Il-kesħa u l-friża … ma nħobbuhomx.

U dan l-aħħar id-diskors politiku reġa’ waqa’ bl-ikreħ fuq l-iffriżar. Xejn ma nħobbuh l-iffriżar f’pajjiżna. Tiftakru lil Sant hekk kif ġie elett fil-gvern x’għamel? Iffriżajna t-talba ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Tfajniha fil-kexxun maċ-ċanga u mal-pork tistenna li tiġi xi ruħ tajba u tħollha (kif ġara ftit wara – ukoll grazzi għal Mintoff, ma setax jonqos). Imbagħad ġew Eddie u Guido u x-ċuċ hu il-majkrowejv.

Imma illum il-friża hija l-iktar waħda tal-biża. Qed jitkellmu u jixlu u allegatament jillibellaw lil xulxin kawża tal-misħuta iffriżar tal-paga minima. Din tal-iffriżar tal-pagi kwistjoni kurrenti ħafna. Ara biss x’ippropona fil-baġit tiegħu il-gvern ta’ Hollande. Il-ħaddiema tal-gvern Franċiż se jkollhom il-pagi tagħom iffriżati – ma jistgħux jieħdu iktar żiediet. Minn x’imkien kellhom jibdew jissikkaw iċ-ċinturin. Kellhom xorti il-ħaddiema tal-gvern għax oħrajn bħal dawk ta’ Arcelor-Mittal fil-Lorena ġirien tagħna sejrin saħansitra jitilfu xogħlhom meta tagħlaq waħda mill-aħħar fabbriki siderurġici f’żona li żmien ieħor kienet il-pulmun ekonomiku tal-Ewropa.

Imma konna qed ngħidu. Il-paga minima. Mela qed jgħidu li Muscat qal li se jiffriża l-paga minima (u ejja ninsew il-living wage) għax qal (u dan qalu) li ma hux se jżidha. Sewwa. Imma imbagħad kif spjega sew mingħalija Spiteri – kemm ilha teżisti il-paga minima l-ebda gvern ma żiedha u dan qed ngħidu mill-1974. Sewwa ukoll. Jiġifieri biex niftehemu jekk iffriżar ifisser li ma żżidx il-paga minima oltre il-COLA (Cost of living adjustment – li ġeneralment jittraduċi f’pakket sigaretti) allura kemm in-Nazzjonalisti u kif ukoll il-Laburisti ilhom li tefgħu il-paga minima fil-friża u insewha hemm għal 38 sena. X’bard.

Iżda anki jekk nieqfu hawn u naħsbu ftit fuq verament x’inhu jingħad mill-partiti nindunaw li l-friża hija ukoll tal-ideat. Għax tal-Lejber sabu x-xoqqa f’moxxtha u erħilhom jgħajjru l-PN giddebin għax Muscat ma hu se jiffriża xejn. Tal-PN għadni ma fhimtx eżattament x’jaħsbu għax jew se titkaża bl-iffriżar u allura inti se tieħu azzjoni differenti i.e. mhux tiffriżaha imma żżidha jew tagħlaq ħalqek għax inutli tgħajjar lil ħaddieħor li jagħmel eżattament li qed tagħmel int. Tal-alternattiva kienu ċari … bl-alternattiva fil-gvern togħla il-paga minima. Imma l-AD fil-gvern? Il-votant ilu li tefa’ dik l-idea fil-friża.

Il-PLPN moħħom biex jiġġieldu u jillibellaw dwar dak li mhux se jagħmlu. Sadattant il-valuri u pjanijiet ċari dwar dak li forsi se jagħmlu jekk jiġu eletti għadna ma rajna xejn minnhom. Billboards kemm trid imma fi żmien ta’ baġits awsteri fi Spanja, fl-Italja u anki fl-Ingilterra, il-partiti tagħna moħħhom biex jittrasportaw id-diskussjoni fuq l-eventwalitajiet ineżistenti.

Fi kliem ieħor ħafna paroli fl-arja, ħafna xinxilli, mass meetings, kungressi u x-naf jien… u l-ideat, pjanijiet konkreti u rieda ta’ tmexxija għaqlija ilhom li intefgħu fil-friża.

F’dan il-pajjiż ma nsolvux problemi… nindukrawhom.

Facebook Comments Box