Categories
Sport

Il-Patrijott u il-ġakbin

Fiż-żmenijiet ta’ llum fejn il-fruntieri huma anakroniżmu li writna mill-passat il-patrijottiżmu u n-nazzjonaliżmu qajla jagħmlu sens. Għallinqas hekk suppost. Speċjalment f’din l-Ewropa li suppost (suppostissimu) għandha t-tir li tfarrak, tkisser u tnessa dak li jifridna filwaqt li suppost (iktar suppostissimu minn hekk ma nafx) teżalta u tfaħħar id-differenzi li jsawru l-identitajiet pluralistiċi. Et pluribus unum. Safrattant kull stat membru xorta għadu jfittex simboli ta’ identita li jfakkruh fil-kapaċita ta’ niesu (ma ngħidux ġensna għax naqgħu naqa għan-nejk). Fit-“tempi cupi” ta’ kriżi ekonomika fejn il-kumpass morali iġġennen jaf jagħti wens sens ta’ identita. Cerco un centro di gravita permanente.

Illum il-ħdax ta’ Settembru. Nine-eleven. Kienet laqtitni ferm l-espressjoni spontanja madwar id-dinja ta’ solidarjeta mal-vittmi ta’ dak l-attakk skifuż fl-2001. We are all Americans now. Avolja qatt ma nista inħossni Amerikan, lanqas fl-estrem kapitalist materjalistiku tiegħi li jimmanifesta ruħu kulltant, xorta fhimt x’riedu jgħidu. L-empatija, is-solidarjeta kienet fi bżonn ta’ twaħħid ta’ identita. Anki fin-niket kien hemm bżonn rinfurzar ta’ dik l-identita. Dakinhar, f’rokna imbiegħda ta’ moħħi ippermettejt li għal ftit mumenti u għal skop preċiżisimu tittajjar l-iStar Spangled Banner. Oh Say Can You See By The Dawn’s Early Light?

Titwieled u jeħel miegħek timbru. Malti, Lussemburgiż, Amerikan (għax mhux Statunitens?) jew Taljan. Trid jew ma tridx int wieħed minnhom. Ċirkostanzi storiċi setgħu ikkontribwew biex dan it-timbru ivarja ftit saħansitra tul ħajtek. Kien hemm il-Franċiżi ta’ Lorena li saru Ġermaniżi ta’ Lotharingia qabel ma reġghu saru Franċiżi. M’hemmx bżonn immorru daqshekk il-bogħod. Saqsi lill-Kossovari li dil-ġimgħa saru sovrani. Kemm minnhom kienu ukoll Jugoslavi qabel ma inħallet ix-xema ta’ Tito. Imma b’mod ġenerali nistgħu ngħidu li min jitwieled Malti ma jmutx… jien naf, Ingliż.

Mindu insteraq is-sigriet tan-nar mill-allat ta’ l-Olimpu, il-bniedem beda tellieqa teknoloġika li għada sejra sa’ llum. Sar-rinaxximent kull avanz kien ikun ġeneriku – ma tassoċjaħx ma bniedem imma ma’poplu. Jiġuni f’moħħi iċ-ċiniżi u l-ġigġifogu. Imbagħad bdejna nassoċjaw invenzjonijiet ma persuni. U kull nazzjon kburi mal-persunaġġi tiegħu. Il-kult u l-mit tal-kapaċita nazzjonali jissawwar madwar il-varji persunaġġi. Larger than life.

L-apiċi tal-miti nazzjonali għalija narah meta naqra dwar ir-Renju Unit fil-ħamsinijiet. Kien għadu jħoss ruħu kbir. Coronation. Il-konkwista tal-Everest, il-kanal ta’ Suez. Trabbejna f’Malta li xi ftit jew wisq wirtet dan il-mod ingliż ta’ kif issawwar identita. Dan l-aħħar erġajna rajna revival. Bejn il-Ġubilew tar-Reġina u l-Olimpijadi l-Ingliżi skoprew l-kburija f’pajjiżhom. Tfasslu eroj ġodda. Olimpiċi u Paralimpiċi. Rule Britannia once again. Imma dawn ma rebħu l-ebda gwerra. Kienet iktar qisha xi Britain’s Got Talent imma ta vera. U minn Stoke-on-Trent sa Weston-Super-Mare inħass it-terremot ta’ kburija. Proud to be Brit.

Imbagħad rajna lil Joseph Calleja. U xi uħud tkażaw b’kemm fraħna kuntenti u kburin li dak il-ġuvnott libes it-tshirt bis-salib tal-kavallieri u tela fuq palk dinji. Malti. Malti bħali. Qalulna li bla sens nifirħu għax dak wasal hemm bil-ħila tiegħu mhux għax Malti. Seta twieled l-Azerbaijan. U mhux hekk nibqgħu. Iva mela, kullħadd jasal fejn irid jasal b’ħiltu. Jekk hux Tiffany Pisani timmudella jew Joseph calleja ikanta, jew William Chetcuti jispara… kollha stinkaw personalment, m’għandi l-ebda dubju. Pero qiegħdin hemm imgeżwrin bil-bandiera tagħna, għax hawn twieldu u huma ukoll ulied din l-art. Għalina li nehdew bis-suċċessi tagħhom… forsi għax nafu kemm hu diffiċli iktar li toħroġ minn ġo din il-gabuba minn fost il-baħar għira u li tasal x’imkien.

Mhux talli ma nara xejn ħażin li niċċelebraw suċċessi personali ta Maltin oħra u li nikkapparawhom anzi naħseb li għandhom jiġu eżaltati. Għax nazzjon irid ix-xempju, il-mudell. Biex forsi minn għada ikun hemm ħamest itfal oħra De La Salle li jridu jikkuppjaw lil Calleja. Hu kellu biss lil Mario Lanza x’jemula. It-tifel li minn għada se jipprova jintona żewġ linji mit-Turandot għandu lil Joseph x’jirringrazzja. Standing on the shoulders of giants.

U fl-aħħar hemm it-tim nazzjonali. Dak li għadu jkaxkar miegħu memorji ta telfa 12-1 ma Spanja avolja dan l-aħħar ħabbatha tajjeb ma min hu daqsu. Għalija tim nazzjonali hu reliġjon indiskuss. Ibleħ trid tkun biex tgħid li ma tifhimx fil-futbol imma mhux se żżomm ma Malta. Patrijottiku? Forsi. Loġiku, iktar u iktar. Tistħi tgħid li int Malti? Forsi għalhekk qiegħdin fis-sitwazzjoni imnejka li ninsabu fiha. Għax forsi il-kburija, the pride, ilha li saret skarsa. Minflok nistmerru, nitkażaw u nitnejku. Narak tiela l-fuq u dlonk niġbdek l-isfel biex ma tmurx issir aħjar minni.

Statistikament it-tim nazzjonali Malti jirbaħ biss b’miraklu. Soccernomics jgħallmek dan il-fatt. Imma l-kburija li tkun Malti u tħoss l-identita li twaħħad poplu kontra l-avversita u li tiddefinih tmur oltre l-istatistika. Din hija identita li ssilitna għaliha. Mhux kif jgħallmuna l-għażżenin ta’ l-istorja… mhux li xerridna demmna għall-barrani. Le, jien nippreferi nara sens ta’ kontinwita fid-destin ta’ nies din il-gżira. Issilitna dejjem għalina u iva, jekk trid għal uliedna. Survival.

Illejla m’hemmx kummiedji. Illejla m’hemmx ġakbini. Illejla, ma’ l-ewwel noti ta’ l-innu ta’ Robert Sammut konvint li inħossuna kburin li fuq dik il-biċċa ħaxix ġo Modena hemm biċċa minna ukoll. Ħdax-il raġel lesti jagħtu li jistgħu u jagħmluna kburin li aħna Maltin.

Forza Malta!

Facebook Comments Box