Categories
Divorce Politics Zolabytes

Dars, Pogguti u Bghula

Mark Vella (formerly of Xifer… il-blogg mit-truf) was provoked into writing this post in reaction to the “Pogguti” billboard:

Jacques talabni nikteb, imma għidtlu li mhux interessat u li kull ma rrid nitfa’ l-vot u nitħalla bil-kwiet. Forsi dan kull ma jrid min biħsiebu jivvota IVA, wara kollox: jitħalla jgħix ħajtu kif irid hu, fil-limiti tar-responsabbiltà adulta u l-legalità.

Imma l-kartellun tal-bgħula u l-poġġuti laqatni wisq. L-ewwelnett, lingwistikament. Hija kampanja kuraġġuża, forsi anki inġenwa, dik li toħroġ għonqha bi kliem iebes bħal dak. Lili darrsitni, ikolli ngħid, għax mill-ewwel laqtitni bħala kontroproduċenti, u eku ta’ dan ġa qrajnih f’diversi interventi ta’ Daphne Caruana Galizia. Ħsibt ukoll li l-kampanja forsi clever wisq għax-xena politika Maltija, bil-ħbit tal-LE u l-IVA fl-istess stampa, u fil-kuntest ta’ pubbliku elettorali li ftit jew wisq iħobb kampanji pożittivi b’kartelluni ta’ tfal u familji hienja jiġru fuq il-ħaxix tar-rebbiegħa.

Argumentajt ukoll ma’ sħabi li l-kliem goffi għaliex m’għadhomx jintużaw, u dan kien ukoll argument tal-kamp tal-LE. Xi ħadd qalli, iżda, li jista’ jkun is-soltu preġudizzju lingwistiku u n-nuqqas ta’ kunfidenza f’ilsienna u fil-mod kif nesprimu rwieħna, għax tgħid ma jkunx effettiv kartellun Londra b’mara msawta fuqha u bil-kliem ‘She is not your bitch’, nagħtu każ? Minnu, imma għalija poġġuti u bgħula jibgħatuni lura għal dinja agħar, dinja ta’ kattiverja u preġudizzji li bdejna noħorġu minna milux. Illum, kważi kważi, il-kunċett ta’ poġġut bilkemm jiftiehem, u ftit jafu li oriġinarjament kien aktar jintuża għan-nisa appoġġati jew mantnuti mill-maħbub tagħhom, speċi ta’ sugar daddy. Anki bgħula ħadd m’għadu jgħidha, ħlief fid-dagħdigħat privati ta’ xi familji meta jinqala’ għawġ bħal dan. Trabbejna slavaġ, imma mxejna ‘l quddiem, u għalhekk dawn iż-żewġ kelmiet idarrsu u jissugraw, forsi mhux itellfu l-voti, imma jdallmu xi ftit il-kredibbiltà ta’ moviment progressiv u magħmul minn nies ta’ rieda tajba.

Imma ġieni f’moħħi wkoll li dan il-messaġġ qawwi huwa s-sintomu ta’ kemm din il-ġlieda saret waħda emozzjonali, u kemm xi elementi tal-Knisja u tal-kamp tal-LE ppreċipitaw din is-sitwazzjoni, mhux bil-fehma leġittima tagħhom imma bl-istrataġemmi offensivi li jużaw u billi jżeffnu, fl-istil tal-interdettijiet, lil Alla fi ħwejjeġ Ċesri. Din saret ġlieda storika daqs il-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-Sittinijiet, u għal daż-żmien essenzjalment ġlieda mhux partitika imma bejn il-konservattiżmu fanatiku u progressiżmu li jrid joqgħod attent milli jittappan u jitlef triqtu.

Ġieni wkoll f’moħħi li wara kollox, u wara kemm wieħed jipprova jistħarreġ u jirraġuna, forsi l-IVA kellhom raġun jagħtu xokk bħal dan. Għax l-ipokrezija li rajna mill-kamp tal-LE wieħed jista’ jaraha wkoll fit-tessut tas-soċjetà Maltija, għaliex anki jekk tgħallimna nkunu nies, mhux bilfors li aħna. Ma nafx jekk hux każ ta’ ħmar il-magħkus li jdur għalih id-dubbien, iżda bħal xi ħadd li għadda minn żwieġ li falla, kien hemm waqtiet fejn qlajt kummenti bla ħniena, għax hemm il-fatt li mhux biss hemm min ma jridx id-divorzju, imma hemm min jitkaża wkoll b’min tkissirlu ż-żwieġ. Ma tirbaħ qatt. Snin wara u ħajja ġdida, kien hemm ukoll min sejjaħli poġġut. Wieħed biex jitkessaħ, u qala’ xebgħa lsien bi kliem wisq eħrex minn tal-kartellun. Ieħor ħafna akbar minni, imrawwem professjonalment fil-PN (seta’ kien partit ieħor: dan biss bħal sfond), Kattoliku devot, omofobu u konservattiv tradizzjonalist. Għal darb’ oħra, deskrizzjoni ta’ sfond għax kulħadd ifassal lilu nnifsu kif irid. Madankollu, bejn b’nofs ċajta jew forsi għax beżaqhielu l-inkonxju, qalli poġġut, għax waqt li qed niċċajtaw dwar it-tfajliet sbieħ u ħelwin, għidltu li issa ma tantx nista’ nħares għax m’għadnix single. U billi għadni fil-limbu tar-relazzjonijiet skont kif jarahom hu, waħħalli t-tikketta.

X’tagħmel? Tieħu għalik? Le. Anki jien, ta’ sensittiv u bużżieqa li jien, ma tantx tatni ġewwa. Anzi, rikbitni mewġa ta’ maħfra Nisranija għax ma kienx jaf x’inhu jagħmel, u anki ta’ ħasra għal moħħ li baqa’ ċkejken. U kull m’għidtlu ‘iva, u wliedi bgħula. Rajtha qalbek’, u ħallejtu jiħmar u jistħi u jigdem ilsien li kien ħallih jaħrablu.

Mela fors l-IVA kellhom raġun, sew għax nies li ġarrbu u sew għax nies li jifhmu s-sitwazzjoni. Forsi huma wkoll, bħali, raw tassew qalb in-nies li qed jikkumbattu kontrihom. U għalhekk raw li għal kull min jippuntalek sejf, sejf daqstant jaqta’ jrid ikun biex joqtlu.

*****
Zolabytes is a rubrique on J’accuse – the name is a nod to the original J’accuser (Emile Zola) and a building block of the digital age (byte). Zolabytes is intended to be a collection of guest contributions in the spirit of discussion that has been promoted by J’accuse on the online Maltese political scene for 5 years.
Opinions expressed in zolabyte contributions are those of the author in question. Opinions appearing on zolabytes do not necessarily reflect the editorial line of J’accuse the blog.
***

Facebook Comments Box

7 replies on “Dars, Pogguti u Bghula”

Darrasni darsa kbira dak il-billboard, kwazi daqs linja gibs mal-blackboard.
Imma la hargek mill-izolament Lussemborgese, worth every penny. Mhux kulhadd ihaxxen butu u ala l-bubun!

Trid tidhku dahka idhlu f’dan il-blog dwar id-divorzju. Vera selvagg!

mazzun.wordpress.com

Isma’ Mark, hafna minn dawk li jmexxu l-kamp tal-le ma tantx huma familjari mal-lingwa Maltija bhal Caruana Galizia. Ghalhekk bghula u pogguti urtathom minbarra l-fatt li hafna minnhom skoss dojoq.

Appoggjaw il-blog: mazzun.wordpress.com

Sahhiet!

Mark, vera jkun hasra jekk ma tergax tibda’ tikteb. It-talenti li twelidna bihom ghandna nuzawhom. Din ergajt qrajtha llum.. u hemm hafna x’tomghod fiha, anki ghal xi hadd bhali ta’ generazzjoni ta’ qabel tieghek.. u li wkoll iltaqa’ mal-lingwagg ta t-tip li ltqajt mieghu int.

Comments are closed.